Illum il-ġurnata ħafna familji joħorġu jgawdu mawriet fuq il-baħar bid-dgħajsa. Jekk tinsab konfuż kif ser tuża d-dgħajsa, issa li għandek tarbija, iċ-Ċentru ta’ Taħriġ MaritimeMT b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta ħejja dan l-artiklu apposta għalik.
Min għandu t-tfal probabbli jgħidlek li hu iktar faċli toħroġ bid-dgħajsa b’tarbija milli bi tfal żgħar, li jsibuha diffiċli joqogħdu f’post fiss. Bi ftit ħsieb, prekawzjoni, u tagħmir addattat, m’hemm l-ebda raġuni għaliex m’għandekx tgawdi d-dgħajsa mal-familja tiegħek bi trabi u tfal abbord. Biss importanti li tkun ftit kawt u tikkunsidra sew l-ambjent li fih ser tieħu lit-tarbija.
X’għandek tagħmel u tieħu ħsieb
L-ewwel nett huwa importanti li kull min jopera dgħajsa jew bastimenti żgħar iżomm ruħu infurmat billi jaqra l-avviżi legali li l-Awtorità toħroġ u taġġorna kultant żmien, pereżempju niġbdu l-attenzjoni għal Port Notice 6/2018 li ħarġet dan l-aħħar.
It-tagħmir ta’ salvataġġ abbord bastimenti żgħar privati u kummerċjali huma obbligu bil-liġi. Il-bastimenti kummerċjali jridu jimxu mal-kundizzjonijiet imposti mil-liċenzja maħruġa lilhom.
Fil-każ ta’ trabi, tfal u kull min mhux kapaċi jgħum waħdu – dawn għandhom dejjem jilbsu ġakketta tas-salvataġġ li tgħin biex iżommhom fil-wiċċ f’każ ta’ inċident jew/u emerġenza.
Liema ġakketta tas-salvataġġ hi tajba?

Hawn diversi tipi ta’ ġkieket tas-salvataġġ, jew kif inhuma magħrufa bl-Ingliż life-jacket/ personal flotation device, li jżommuk f’wiċċ l-ilma. F’dan il-każ jeħtieġ ikollok ġakketta tas-salvataġġ addattata għal kull persuna li se titla’ abbord u din trid tkun klassifikata bħala 100N, TYPE 2, PPE III, bis-CE marking. Importanti li timxi mal-istruzzjonijiet tal-manwal biex il-ġakketta tagħmel xogħolha sew.
Il-ġakketta tas-salvataġġ hija maħduma b’tali mod li jekk tarbija jew persuna taqa’ fil-baħar, din iddawwarha b’mod awtomatiku wiċċha ’l fuq. Fil-każ tat-trabi u tfal żgħar, din irid ikollha:
- bħal imħadda mad-dawra tar-ras biex tipproteġihom minn xi daqqiet
- ċineg li minn wara tal-ġakketta li jgħaddu minn bejn is-saqajn u jinqaflu mal-qadd sabiex il-ġakketta ma tiżloqx minn fuqhom.
Il-ġkieket tas-salvataġġ għat-trabi u t-tfal huma maħsuba apposta għalihom, bħalma tal-adulti huma wkoll maħsuba għall-esiġenzi tagħhom.
Iktar mill-età tat-tarbija jew it-tfal, l-aktar fattur importanti fl-għażla tal-ġakketta tas-salvataġġ huwa l-piż tat-tarbija jew tat-tfal. Il-ġkieket approvati għall-bejgħ fis-swieq Ewropej kollha jindikaw il-limitu minimu u massimu tal-piż li jrid ikollu minn ser jilbishom. Jekk it-tarbija hija tat-twelid u tiżen madwar 3kg, inutli tlibbisha ġakketta li tindika piż minn 9kg ’il fuq. Huwa importanti li minn żmien għal żmien tiċċekkja li l-ġakketta għadha tiflaħ il-piż tat-tifel/ tifla, speċjalment jekk il-ġakketta xtrajtha meta kellhom inqas minn sena. Dan it-tagħmir għandu dejjem jinżamm b’mod tajjeb u minn sajf għal ieħor ta’ min tiċċekkja li għadha twettaq xogħolha kif mistenni.

Il-veloċità tad-dgħajsa b’tarbija abbord
Idealment il-veloċità ma tkunx iktar minn 5 knots (9km/hr). Importanti wkoll li ma titbigħedx ħafna mill-kosta u li tbaħħar biss f’kundizzjonijiet ta’ baħar stabbli u temp kalm. F’każ ta’ tfal, uża ftit sens komun u ara li l-azzjonijiet tiegħek mhumiex ta’ periklu għalihom. Fi kliem ieħor, jekk it-tfal juruk li qed jibżgħu, żomm veloċità baxxa. Ftakar li l-veloċità massima permessa bil-liġi fil-portijiet hija ta’ 10 knots (18km/hr). L-istess jgħodd għal meta ssuq sa 300m bogħod minn bajja bir-ramel jew 200m bogħod mill-kosta.
Kif iżżomm it-trabi abbord
Importanti ħafna li t-trabi qatt ma jintrabtu f’car seats jew baby bouncers. F’każ ta’ inċident dawn it-tip ta’ siġġijiet ser ixekklu l-operat tat-tagħmir tas-salvataġġ u saħansitra jwasslu biex it-tarbija marbuta tegħreq flimkien mas-siġġu. Tista’ tuża xi tip ta’ baby bouncer biex iserraħ lit-tarbija sakemm tkun fid-dgħajsa, sakemm din tkun komda, liebsa l-ġakketta tas-salvataġġ imma ma tkunx marbuta. Naturalment, jekk din għadha tarbija, tista’ tinżamm f’ħoġrok ukoll. Importanti wkoll li tinżamm dejjem fid-dell, b’ċirkulazzjoni ta’ arja friska.
Trabi jew tfal għandhom jitlibbsu l-ġakketta tas-salvataġġ meta għadhom l-art. Fil-każ ta’ tarbija, din imbagħad trid tgħaddiha lil xi ħadd li ġa jinsab abbord, inkella żommha sew u itla’ fid-dgħajsa bl-għajnuna ta’ xi ħaddieħor li jgħinek iżżomm il-bilanċ. Importanti li fiż-żewġ xenarji, xi ħaddieħor irid jara li d-dgħajsa tibqa’ stabbli waqt dan il-proċess.
Dejjem agħti importanza lis-sigurtà ta’ kull min jitla’ abbord id-dgħajsa. Ħares il-liġi u osserva r-regolamenti. F’każ ta’ dubju dejjem agħżel l-iktar soluzzjoni li toffri sigurtà. Qabel tbaħħar, ikun tajjeb jekk issegwi ċ-Check List li ppreparat l-Awtorità għat-Trasport.