Tradizzjoni Maltija popolari iktar minn qatt qabel hi l-quċċija. Din issir dakinhar li t-tarbija tagħlaq is-sena biex tbassar il-karriera futura tagħha. Minkejja li mhux neċessarjament tfisser li t-tarbija se tagħmel ix-xogħol marbut mal-oġġett li tkun qabdet, hi tradizzjoni ħelwa biex tiġi ċelebrata mal-bqija tal-familja, u tagħmel l-ewwel festin tat-tarbija differenti minn dawk kollha li jiġu ċelebrati wara.
L-oġġetti jvarjaw skont li jixtiequ jpoġġu l-membri tal-familja u llum il-ġurnata saru jitpoġġew oġġetti ta’ karrieri iktar moderni wkoll, mhux biss oġġetti marbutin ma’ snajja’. Minbarra dan, l-oġġetti jistgħu jvarjaw skont xi jkollu dak li jkun għandu d-dar. Għall-karriera fil-ħjata measuring tape tajjeb imma minċott ħajt tajjeb ukoll. Hemm min jestendi l-lista tal-oġġetti lill-qraba u jistedinhom iġibu oġġett marbut max-xogħol tagħhom jew li jfisser għalihom u b’hekk jinvolvihom iktar fiċ-ċelebrazzonjoni.
Hemm min saħansitra jeħodha oltrè u jagħmel quċċija oħra biex jaraw it-tarbija ma’ liema tim tal-futbol se tkun qed iżżomm ’il quddiem billi jpoġġulha l-flokkijiet tat-timijiet favoriti tagħhom. Din naturalment issir jekk ikun hemm membri fil-familja li jżommu ma’ timijiet differenti b’ċertu akkaniment.
Il-quċċija normalment titħalla l-aħħar ħaġa tal-festin qabel jew wara li jinqasam il-kejk. Jekk tixtieq iżżommha hekk, importanti li tikkalkula ftit il-ħin tal-festin ħalli ma tagħmilhiex meta t-tarbija tkun wisq għajjiena biċ-ċans li tispiċċa ma tagħmel xejn. F’dak il-każ ma tkunx idea ħażina li tibda biha wara li jaslu l-mistednin kollha. Tevita li jkollok it-tarbija f’burdata ħażina meta suppost hu l-iktar mument mistenni tal-festin. Ara xi ideat oħra għall-festin, hawn.