Għal poplu li jgħix f’pajjiż sħun, vera nħobbu nkebbu lit-tfal tagħna f’balla ħwejjeġ. Imma x’suppost inlibbsuhom lit-trabi? Qabla tkellmet ma’ Buzymummy u tatna ftit pariri dwar kif se nindunaw humiex imlibbsin iżżejjed

Wieħed għandu jżomm f’rasu li t-tarbija se tibki jekk hi skomda u hemm tendenza li iktar tibki meta tħoss is-sħana milli l-bard. Ta’ min wieħed joqgħod attent ukoll li l-konsegwenzi ta’ overheating huma ħafna agħar minn dawk ta’ meta tħalli lit-tarbija tħoss ftit bard, speċjalment fis-sajf.
Buzymummy tkellmet ma’ qabla (midwife) dwar dan u qaltilna: “Jekk tarbija tħoss is-sħana tinduna għax ikollha wara għonqha mxarrab bl-għaraq u jitilgħulha bħal dwawar ħomor żgħar anke f’wiċċha. Ħafna sħana tista’ tkun kawża ta’ cot death. It-tarbija tista’ tiġi dehydrated u jista’ anki jinżlilha z-zokkor.” Żiedet tgħid li hu minnu li t-tarbija rridu nlibbsuha saff ħwejjeġ iktar milli lebsin aħna imma bis-saff żejjed fir-realtà “nkunu qed nirreferu għal għata li t-tarbija jkollha fuqha”.
Jekk it-tarbija diġà tkun attiva jew tiċċaqlaq ħafna, l-għata ibdilha ma’ saff ieħor ta’ ħwejjeġ bħal xi flokk ta’ taħt.
Meta t-tarbija tħoss il-bard ikollha jdejha kesħin ħafna u jekk tippruvalha t-temperatura tkun baxxa
Dwar l-iskufja (hat) issostni li din għandha titlibbes dejjem almenu sal-ewwel xahar, imma skont l-ajru u kemm hi sħana. “Jekk sħana tlibbes xejn imma jekk għandek l-AC, iva libbes. Jekk ix-xitwa ibqa’ libbes kull meta toħroġ.”
It-trabi jitilfu s-sħana l-aktar minn rashom, għalhekk importanti li f’temp sħun din tinżamm mikxufa, ħalli t-tarbija ma tisħonx iżżejjed.
Aħjar tlibbes lit-tarbija ħwejjeġ li tista’ tnaqqsilha saff minnhom milli xi ħaġa waħda biss li kapaċi tkun ħoxna wisq għall-post li tkun fih.
Il-qabla kompliet tgħid li “meta t-tarbija tħoss il-bard ikollha jdejha kesħin ħafna u jekk tippruvalha t-temperatura tkun baxxa”.
Il-probabbiltà hi li t-tarbija meta tħoss il-bard tibda tibki. L-ewwel istint hu li terfagħha u forsi titmagħha. Allura din tikkalma għax int tipprovdilha s-sħana waqt li qed iżżommha fuqek u terġa’ torqod.
Jekk kif tmedda, tqumlek wara ftit, għax terġa’ tkun kesħet, hawnhekk fejn ta’ min tiċċekkja jekk it-tarbija hiex tibki għax qed tħoss il-bard.