Il-ftuħ tal-file tat-tqala fl-isptar hu pass importanti fit-tqala. Dan hu parti mill-ewwel viżta fl-isptar fejn minbarra li tiltaqa’ mal-qabla u mal-konsulent, isirulek ukoll it-testijiet tad-demm. Għalhekk iddiskutejna l-proċedura attwali ma’ NATHALIE CRAUS u JOSEPHINE VELLA, li huma l-qwiebel li hemm ċans tiltaqa’ magħhom fl-ewwel viżta fl-Isptar Mater Dei jew fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex rispettivament.

X’inhi l-proċedura f’Malta?
Kif tinduna bit-tqala, importanti li tagħmel appuntament mat-tabib tal-għażla tiegħek (ġinekologu/ GP privat jew taċ-ċentru tas-saħħa) biex tikkonferma l-ġimgħat tat-tqala u d-data meta jkun mistenni l-ħlas. Il-viżta l-aħjar li ssir meta jkollok bejn sitt u tmien ġimgħat tqala. Probabbilment jibdiek mill-ewwel fuq il-vitamini bħal folic acid sakemm ma kontx qed teħodhom minn qabel. (Min qed jippjana tqala ta’ min jieħu l-folic acid minn 3 xhur qabel.) Ġeneralment it-tabib itik ticket of referral biex tkun tista’ tagħmel l-ewwel appuntament Mater Dei. Jekk tinfetaħlek blue card mit-tabib tiegħek importanti li teħodha miegħek għall-ewwel appuntament. Jekk le, din tinfetaħ f’Mater Dei fl-ewwel viżta.
Imbagħad trid iżżur il-main reception tal-isptar mit-Tnejn sal-Ħadd bejn is-7:30am u t-8pm biex tingħata appuntament. M’hemmx għalfejn tmur l-omm tibbukkjah, basta min imur flokha jkollu t-ticket of referral.
Dakinhar tal-ewwel viżta importanti li tieħu l-karta tal-appuntament, it-ticket of referral, il-blue card (jekk għandek) u bott bil-pipì ta’ filgħodu. Kun preparata li l-viżta ddum ftit. Tajjeb li miegħek tieħu ilma, affarijiet xi tnaqqar u ktieb x’taqra.
Meta hu l-aħjar żmien li jinfetaħ il-file?
“Idealment l-ewwel viżta ssir bejn l-10 u l-14-il ġimgħa tat-tqala,” spjegat Nathalie Craus, charge midwife fl-Antenatal Clinic fid-Dipartiment tal-Gynaecology Outpatients. “Tajjeb li l-file tat-tqala jinfetaħ kmieni biex jekk ikun hemm problemi oħra matul it-tqala, dawn inkunu nistgħu nilqgħulhom minn kmieni.”
Dijabete, pressjoni għolja u thyroid huma fost il-problemi li jista’ jkun hemm. Issemmi wkoll korrimenti repetuti li f’dal-każ, l-omm trid tagħmel l-appuntament immedjatament kif issir taf li tqila, sabiex tingħata l-kura meħtieġa minnufih.
Dakinhar tal-ewwel viżta importanti li tieħu l-karta tal-appuntament, it-ticket of referral, il-blue card (jekk għandek) u bott bil-pipì ta’ filgħodu. Kun preparata li l-viżta ddum ftit. Tajjeb li miegħek tieħu ilma, affarijiet xi tnaqqar u ktieb x’taqra.
Kif tasal fid-Dipartiment Antenatal/Gynaecology Outpatients, li jinsab groundfloor level, għid lis-security li tkun mal-bieb tas-sala li għandek appuntament biex tiftaħ il-file tat-tqala u tibagħtek ġewwa mar-reception biex jirreġistrawk. Imbagħad tistenna ġos-sala jew barra sakemm jgħajtulek. Tista’ takkumpanjak persuna waħda biss waqt il-viżti.
X’jiġri eżattament fl-ewwel appuntament?
Jinfetaħ il-file tat-tqala
Il-viżta tibda billi tiltaqa’ ma’ qabla li tiftaħlek il-file tat-tqala u ssaqsik għadd ta’ mistoqsijiet marbuta ma’ saħħtek u saħħet missier it-tarbija. Idealment tmur ma’ missier it-tarbija għaliex il-qabla jkollha bżonn informazzjoni dwar l-istorja medika tal-familji tagħkom it-tnejn. Qabel tmur għall-appuntament, ta’ min tiċċekkja man-nanniet tat-tarbija kienx hemm dawn fl-istorja medika tal-familja tagħkom:
- tewmin jew aktar
- pressjoni għolja (hypertension)
- dijabete
- mard ġenetiku li jinkludi difetti mit-twelid
- affarijiet oħra mediċi li ta’ min jitniżżel dwarhom fil-file.
Kif tlesti tiżnek. Il-piż probabbli jkun differenti minn meta ntiżint l-aħħar minħabba li l-mwieżen ivarjaw xi ftit. Il-qabla tagħtik ukoll tagħrif ġenerali dwar it-tqala u kif għandek tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Tagħtik xi materjal x’taqra u tgħarrfek dwar l-parentcraft classes, li tista’ tibbukkjahom dakinhar, jekk se tattendi dawk tal-isptar.

Viżta għand il-konsulent
Wara li tlesti mingħand il-qabla, tkun trid tistenna sakemm ikun imissek għand il-konsulent, li se jinviżtak u jkompli jistaqsik mistoqsijiet oħra marbutin mat-tqala. Imbagħad jiċċekkjawlek il-pipì u l-pressjoni u jisimgħu qalb it-tarbija. Mhix proċedura li jsir ultrasound fl-ewwel viżta sakemm il-konsulent ma jħossx il-bżonn għalih. Jekk l-ultrasound ma jsirx dakinhar tingħata appuntament biex tagħmel wieħed iktar tard fl-isptar.
Wara din il-viżta, normalment tista’ tkompli bil-kumplament tal-viżti tat-tqala għand it-tabib tal-għażla tiegħek (ġinekologu/ GP privat jew taċ-ċentru tas-saħħa). Jekk ikun hemm il-bżonn il-konsulent jista’ jgħidlek tkompli l-viżti tat-tqala fl-isptar. L-appuntament li jmiss ikun erba’ ġimgħat wara.
“Normalment ta’ madwar 36 ġimgħa terġa’ tiġi referuta lejn l-isptar. Dan isir għax f’daż-żmien nibdew naħsbu għal mod kif se twelled il-mara, pereżempju jekk hux pjanat ħlas normali jew ċesarja. Jista’ jkun hemm bżonn li ssir xi induzzjoni iktar tard fit-tqala. Imbagħad il-viżti jsiru darba fil-ġimgħa l-isptar sakemm twelled,” żiedet tgħid il-qabla.
Il-viżti tal-isptar dejjem isiru filgħodu u bil-Liġi inti intitolata għalihom bla ma jitnaqqaslek il-frank jew paga mix-xogħol.

It-Testijiet tad-Demm
Wara l-konsulent jibgħatek tagħmel it-testijiet tad-demm dakinhar stess. Mit-testijiet ikunu jafu
- il-blood count
- iz-zokkor
- it-thyroid
- jekk għandekx mard li jittieħed (Epatite B u Ċ u HIV).
Ir-riżultati jinħarġu f’madwar ġimgħa. Jekk f’ġimagħtejn ma jċemplulekx mill-isptar ifisser li kollox kien sew.
Il-proċedura fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex
F’Għawdex il-proċedura hi simili imma ddum inqas u jarawk inqas nies. Josephine Vella, li hi Parentcraft coordinator/Acting Deputy Charge Midwife, qaltilna li l-proċedura ddur madwar siegħa kollox. Spjegat li l-aħjar żmien biex jinfetaħ il-file tat-tqala hu meta l-omm tkun waslet fit-tielet jew ir-raba’ xahar tat-tqala u dan tagħmlu billi ċċempel l-Isptar Ġenerali fuq 2156 1600 u tibbukkja appuntament jew billi jirreferiha t-tabib tagħha. M’hemmx għalfejn tibbukkja minn ħafna qabel.
“Meta l-omm tasal fir-reception għall-appuntament tagħha jibagħtuha dritt il-Maternity Unit biex niftħulha l-file. Kif inlestu noħdulha d-demm. Ir-riżultat tad-demm jarah l-ispeċjalista u jniżżlu fuq il-blue card.
Imbagħad neħdulha d-dettalji biex nibagħtu għaliha għas-sessjonijiet tal-parentcraft. Wara jinviżtaha l-ġinekologu fl-Outpatients,” spjegat is-Sa Vella.
Kif tlesti l-omm tagħmel appuntament għall-viżta li jmiss mal-Gynae Outpatients mar-reception, li jagħtuha l-appuntament skont liem ġimgħa tat-tqala tinsab fiha. Sa 28 ġimgħa l-omm ikollha viżta darba fix-xahar l-isptar, imbagħad sa 36 ġimgħa kull ġimagħtejn. Fl-aħħar xahar ikollhom viżta darba fil-ġimgħa. Kif jagħlqu l-40 ġimgħa l-omm tintalab tmur kuljum biex jiċċekkjawlha li kollox sew u jagħmlulha s-CTG monitoring.
Jekk sa 41 ġimgħa l-omm tkun għadha ma wellditx, jaraha l-ispeċjalista u jiddeċiedi dak il-ħin x’se jiġri bħala ħlas. Naturalment jiddependi minn kull każ. Bħala prassi ma tingħatax il-ġurnata ta’ meta tinbeda l-omm biex twelled (induction date).
Għal aktar tagħrif ċempel fuq 2156 1600 u staqsi għal Maternity.