Il-Breastfeeding Walk-in Clinic mhuwiex biss dwar il-ħalib tal-omm. Imma hu dwar li t-tarbija tkun mitmugħa sew u li l-ommijiet jingħataw l-appoġġ meħtieġ fid-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom. Din hi l-ewwel ħaġa li tispeċifika l-Practice Midwife Helen Borg, li tmexxi din il-klinika fl-Isptar Mater Dei.
“L-għan ewlieni tagħna hu li niċċekkjaw li t-tarbija hi kuntenta billi nkunu ta’ sapport għall-ommijiet fil-kura tat-trabi tagħhom, jekk humiex jisquhom bil-ħalib tagħhom, ħalib tat-trab jew jekk bdewlhomx l-ikel,” spjegat il-qabla.
Tispjega x’inhi l-proċedura minn meta l-omm u t-tarbija jħallu l-isptar:
- L-għada żżurhom id-dar qabla minn Mater Dei li tissejjaħ discharge liasion midwife (DLM).
- Imbagħad l-omm u t-tarbija jżuru l-klinika jumejn jew tlieta wara. L-appuntament jingħata qabel jitilqu mill-isptar. Skont xi jkunu ċ-ċirkustanzi, ġieli l-omm u t-tarbija jkollhom bżonn iżuru l-klinika qabel l-appuntament li jkun ingħatalhom.
- Wara dan, fl-għaxar jum ikollhom viżta oħra d-dar minn qabla oħra, din id-darba tal-Healthmark (li qabel kienu jissejħu MMDNA).
Bażikament il-klinika hi kamra maqsuma fi tnejn:
- f’parti minnhom jitkejlu u jintiżnu t-trabi (it-trabi jitneżżgħu kompletament, għalhekk libbes ħwejjeġ li tista’ tneħħi u terġa’ tlibbes malajr). IMPORTANTI TIEĦU MIEGĦEK IL-KTIEB TAT-TARBIJA LI JKUN INGĦATALEK MILL-ISPTAR.
- fl-oħra t-tarbija tingħata l-ħalib billi treddagħha l-omm jew tingħata flixkun. Ħafna trabi jkunu jridu l-ħalib wara li jitneżżgħu u jitkejlu, biex jerġgħu jirrilissaw. Il-missirijiet ma jitħallewx jidħlu hawnhekk u jkollhom jistennew barra, biex l-ommijiet ikunu komdi waqt li jreddgħu, imma din jużawha bħala opportunità biex jitkellmu ma’ missirijiet ġodda.
“Il-proċeduri hawnhekk huma li niżnu lit-tarbija u nkelju t-tul u d-dawra tar-ras (ofc). Imbagħad niċċekkjaw mal-ġenituri jekk hemmx kwistjonijiet meta jisqu lit-tarbija – bi kwalunkwe mod li qed jisquha. Il-ġenituri jistgħu jiddiskutu magħna ħsibijiet ġenerali dwar it-tarbija kif ukoll is-saħħa ġenerali tal-omm u tat-tarbija.
“Imbagħad nagħtuhom appuntamenti oħra biex nagħmlu follow-up. Hemm trabi li jeħtieġ narawhom regolarment u oħrajn mhux daqshekk ta’ spiss. Jiddependi ħafna minn kif tkun sejra t-tarbija u kemm tħossha kunfidenti l-omm. Uħud mill-ommijiet ikunu xi ftit anzjużi dwar il-kwantità tal-ħalib li qed jisqu lit-tfal, allura li jaraw li t-tarbija qed tikber, isserħilhom rashom,” spjegat il-qabla.
Semmiet ukoll kif il-klinika sservi bħala punt ta’ riferiment. Fis-sena li l-ommijiet u t-trabi jistgħu jiġu referuti biex jaraw professjonisti tas-saħħa differenti, bħal pedjatra, skont il-bżonn tal-każ.

Il-klinika tiftaħ kuljum ħlief is-Sibt. Dak li jkun xorta jista’ jċempel fuq 2545 4445 meta l-klinika tkun magħluqa. Jekk ma jirrispondih ħadd, jista’ jħalli messaġġ fuq l-answering machine bid-dettalji personali tiegħu u fejn jistgħu jikkuntattjawh, u jċemplulu lura hekk kif il-qwiebel jidħlu lura għax-xogħol. Għall-emerġenza, meta l-klinika tkun magħluqa, wieħed jista’ jċempel l-Obstetrics Ward (fejn twelled) – Obs 1 fuq 2545 5140 jew Obs 3 fuq 2545 5100.
Ħinijiet tal-Ftuħ tal-Breastfeeding Walk-in Clinic
It-Tnejn 08:00 – 13:00
It-Tlieta 08:00 – 13:00, 15:30 – 18:00
L-Erbgħa 08:00 – 13:00
Il-Ħamis 08:00 – 13:00, 15:30 – 18:00
Il-Ġimgħa 08:00 – 13:00
Is-Sibt ċempel fuq 2545 4445
Il-Ħadd 08:00 – 13:00