Click here to read this article in English.
Bil-festi tal-Milied daqt magħna, it-tfal u ż-żgħażagħ se jkollhom ħafna iktar ħin liberu fuq idejhom. Għal uħud mit-tfal dan ifisser iktar ħin fuq l-internet, biex iżommu kuntatt ma’ sħabhom, jilagħbu logħob jew sempliċiment jaraw x’tellgħu onlajn sħabhom.
BeSmartOnline! (BSO) Malta tagħti ftit suġġerimenti dwar kif tagħmel l-aħjar użu mill-internet għal waqt dan iż-żmien ta’ festi.
Kif nassiguraw li wliedna mhux qed jużaw wisq l-internet?
L-ewwel irridu nistabilixxu xi rridu nfissru b’użu eċċessiv. BSO tenfasizza li dan ma jiddependix biss mill-ammont ta’ ħin li t-tfal iqattgħu onlajn, għalkemm tul twil ta’ ħin jista’ jwassal għal problemi fiżiċi fil-qagħda, l-għonq, id-dahar u l-polz kif ukoll obesità u problemi fil-viżta.
BSO tħeġġeġ lill-ġenituri biex jistaqsu lilhom infushom META wliedhom qegħdin jużaw l-internet u jekk dan hux jaffettwa aspetti oħra f’ħajjithom:
- Ħin mal-familja – L-użu qed isir meta t-tfal jistgħu jinteraġixxu ma’ familthom minflok jużaw it-tablets, mowbajls jew kompjuters?
- L-irqad – Dan qed ikun affettwat? It-tfal qed jibqgħu mqajmin iktar mis-soltu biex jużaw l-internet u qed iqumu għajjenin ħabba f’hekk?
- L-iġjene – Din qiegħda tkun affettwata? It-tfal mhux jinħaslu għax mitlufin jilagħbu onlajn?
- Irritabilità – It-tfal huma fuq ix-xwiek meta ma jkunux fuq il-kompjuter? Ikunu l-ħin kollu jaħsbu kieku x’qegħdin jagħmlu onlajn meta ma jkunux? Isiru difensivi jekk tgħidilhom biex jieqfu?
- Ħolm ikrah – Qegħdin joħolmu dwar l-użu tal-kompjuter jew il-logħob li qed jilagħbu fuqu?
- Interazzjoni soċjali – l-użu tal-internet iegħed jieħu post attivitajiet soċjali li t-tfal jistgħu jkunu qegħdin igawdu minflok?
L-aħħar punt hu sinjal ta’ twissija importanti ħafna li tifel (jew adult) sar dipendenti mill-użu onlajn. Meta nużaw mezzi onlajn b’mod eċessiv, għandna t-tendenza li nsiru iktar iżolati u spiss nissagrifikaw relazzjonijiet reali f’ħajjitna biex inżommu dawk virtwali.
Għaliex hu importanti li nħeġġu użu onlajn bilanċjat fit-tfal?
Reżiljenza: Meta jirnexxilna nibbilanċjaw ħajjet it-tfal fl-użu onlajn u mhux, inkunu qegħdin ngħinuhom isiru iktar reżiljenti u kapaċi jittrattaw kwistjonijiet li jiġru f’ħajjithom b’mod effettiv. It-tfal li jqattgħu iktar ħin jinteraġixxu ma’ nies onlajn milli fil-ħajja reali jirriskjaw li jkollhom nuqqas ta’ intelliġenza emozzjonali u sistema ta’ appoġġ meħtieġa biex ikampaw fi kwistjonjiet bħal bullying, li jsir onlajn u fil-ħajja reali.
Stima: Barra minn hekk dawn it-tfal kapaċi jiżviluppaw kwistjonijiet serji ta’ stima minħabba li l-internet sfortunatament ipinġi l-ħajja b’mod mgħawweġ u t-tfal m’għandhomx biżżejjed esperjenza u maturità biex jagħmlu distinzjoni bejn dak li n-nies itellgħu onlajn għal dak li jiġri fil-verità. Dan jista’ jwassalhom biex jaraw lilhom infushom b’lenti negattiva ħafna meta jqabblu lilhom infushom ma’ dak li jtellgħu sħabhom onlajn.
Reputazzjoni: Barra minn hekk l-internet hu spazju soċjali volatili ħafna. Jekk ir-reputazzjoni ta’ tifel tintmiss onlajn, u dan realment m’għandux ħajja soċjali b’saħħitha, kapaċi jsibha iktar diffiċli biex jirreaġixxi f’sitwazzjoni bħal din. Hu importanti li nirrealizzaw li l-adoloxxenti jqattgħu ħafna ħin joħolqu immaġni perfetta tagħhom infushom onlajn, u jekk din tiġi affettwata, il-kunfidenza tagħhom se tieħu daqqa ta’ ħarta kbira.
X’nistgħu nagħmlu aħna l-ġenituri biex ngħinu?
Mod tagħraf is-sinjali, imma x’nistgħu nagħmli biex ngħinu? BSO tirrakkomanda dawn is-suġġerimenti biex tindirizza użu eċċessiv onlajn mit-tfal:
- Agħti alternattivi lit-tfal
Hu importanti turihom li l-ħajja mhix biss kompjuters. Qari, logħob bil-board games, li tistieden lill-ħbieb id-dar, issajru flimkien u ħruġ kollha huma alternattivi aħjar għal użu onlajn.
- L-eżempju jmexxi
Li nagħtu alternattivi lit-tfal waqt li aħna l-adulti mħawlin mal-mowbajls tagħna naturalment mhix ideali. Vera li għal uħud l-użu tal-kompjuter jista’ ma jkunx għall-gost. Imma jekk irridu nkunu kompletament onesti hemm ħinijiet fejn aħna stess nintilfu fl-użu tal-mezzi soċjali. Hu importanti li aħna l-ġenituri wkoll nieqfu u nuru lil uliedna li qed nagħmlu sforz biex ikollna użu bilanċjat fuq l-internet.
- Eduka lit-tfal dwar ir-riskji
Hu essenzjali li nitkellmu ma’ wliedna dwar ir-riskji tal-użu onlajn. L-għarfien hu l-qofol ta’ kollox hawn u anki jekk naħsbu li wliedna mhux jagħtu kasna, aħjar ngħidu xi ħaġa bit-tama li forsi tingħata widen milli ma ngħidu xejn għax naħsbu li se jinjorawna.
Tista’ tiġri lil kulħadd
Hu importanti għalina l-ġenituri li nżommu saqajna mal-art u nintebħu li użu eċċessiv tal-internet jista’ jiġri faċilment. L-użu tal-internet hu forma ta’ escapism. Hux isir permezz ta’ video games, mezzi soċjali jew chatting; l-internet hu post ‘sigur’ għat-tfal għax m’hemmx min jindaħlilhom x’għandhom jagħmlu u jħossuhom f’kontroll totali tas-sitwazzjoni. Għalhekk jista’ faċilment isir vizzju.
Jekk taħseb li wliedek qegħdin jużaw wisq l-internet, ikkuntattja lil BSO fuq hawnhekk u hawnhekk.
Share this post.
BeSmartOnline!
Be Smart Online hu proġett iffinanzjat mill-UE li twaqqaf fl-2010. L-għanijiet ewlenin tiegħu huma: żieda fl-għarfien ta’ użu sigur tal-internet, li joffri pjattaforma onlajn fejn jiġi rrappurtat abbuż bl-internet u li jingħata appoġġ adegwat lill-vittmi rispettivi.
Għal iktar tagħrif żur il-paġna ta’ Facebook u l-websajt ta’ BeSmartOnline! Jekk tiltaqa’ ma’ illegalitajiet onlajn bħal pedofelija u razziżmu, tista’ tirrapporta b’mod anonimu hawnhekk.