F’dawn iż-żminijiet kesħin ħafna ġenituri jaqbdu jikkonfondu x’se jlibbsu lit-trabi u t-tfal żgħar tagħhom. FRANICA PULIS tkellmet ma’ qabla dwar x’inhu ideali li jitlibbes fix-xitwa
Għal pajjiż bi klima sħuna bħal tagħna, erħilna kif inħossu naqra żiffa noħorġu l-ġkieket u l-kutri. Imma x’suppost inlibbsuhom lit-trabi, u kif se nindunaw jekk huma mlibbsin ftit jew wisq?
Ħafna sħana tista’ tkun kawża ta’ cot death. It-tarbija tista’ tiġi dehydrated u jista’ anki jinżlilha z-zokkor.
Wieħed għandu jżomm f’rasu li t-tarbija se tibki jekk hi skomda u hemm tendenza li iktar tibki meta tħoss is-sħana milli l-bard. Ta’ min wieħed joqgħod attent ukoll, minħabba l-fissazzjoni Maltija li nlibbsu lit-tfal ħafna ħwejjeġ, li l-konsegwenzi ta’ overheating huma ħafna agħar minn dawk ta’ meta tħalli lit-tarbija tħoss ftit bard, għas-sempliċi raġuni li x-xtiewi tagħna mhumiex daqshekk qliel.
“Jekk tħoss is-sħana tinduna għax ikollha wara għonqha mxarrab bl-għaraq u jitilgħulha bħal dwawar ħomor żgħar anke f’wiċċha. Ħafna sħana tista’ tkun kawża ta’ cot death. It-tarbija tista’ tiġi dehydrated u jista’ anki jinżlilha z-zokkor,” spjegat qabla li tkellmet ma’ Buzymummy.
Żiedet tgħid li hu minnu li t-tarbija rridu nlibbsuha saff (layer) ħwejjeġ iktar milli lebsin aħna imma s-saff żejjed fir-realtà “nkunu qed nirreferu għal għata li t-tarbija jkollha fuqha”.
Jekk it-tarbija diġà tkun attiva jew tiċċaqlaq ħafna, il-kutra ibdilha ma’ saff ieħor ta’ ħwejjeġ. Tista’ tlibbisha onesie ħoxna li tkun komda tiċċaqlaq biha. Dan hu mod kif forsi tħossok iktar komdu ġġorr lit-tarbija minflok imgeżvra f’xall.
It-trabi jitilfu s-sħana l-aktar minn rashom, għalhekk f’temp kiesaħ importanti li din tinżamm mgħottija.
Dwar l-iskufja (hat) issostni li din għandha titlibbes dejjem almenu sal-ewwel xahar, skont l-ajru u kemm hi sħana. “Jekk sħana tlibbes xejn imma jekk għandek l-AC, iva libbes. Jekk ix-xitwa ibqa’ libbes kull meta toħroġ.”
It-trabi jitilfu s-sħana l-aktar minn rashom, għalhekk f’temp kiesaħ importanti li din tinżamm mgħottija. Imma ġewwa, fejn it-temperatura hemm ċans li tkun iktar regolata, importanti li r-ras titħalla mikxufa biex it-tarbija ma tisħonx iżżejjed.
Aħjar tlibbes lit-tarbija ħwejjeġ li tista’ tnaqqsilha saff minnhom milli xi ħaġa waħda biss li kapaċi tkun ħoxna wisq għall-post li tkun fih.
Il-qabla kompliet tgħid li “meta t-tarbija tħoss il-bard ikollha jdejha kesħin ħafna u jekk tippruvalha t-temperatura tkun baxxa”.
Il-probabbiltà hi li t-tarbija meta tħoss il-bard tibda tibki. L-ewwel istint hu li terfagħha u forsi titmagħha. Allura din tikkalma għax int tipprovdilha s-sħana waqt li qed iżżommha fuqek u terġa’ torqod.
Jekk kif tmedda, tqumlek wara ftit, għax terġa’ tkun kesħet, hawnhekk fejn ta’ min tiċċekkja jekk it-tarbija hiex tibki għax qed tħoss il-bard.
LINJI GWIDA TA’ LBIES
Dejjem għandek tuża s-sens komun u żżid jew tnaqqas il-ħwejjeġ skont it-temperatura fejn qed ikun.
Aħjar tlibbes lit-tarbija ħwejjeġ li tista’ tnaqqsilha saff minnhom milli xi ħaġa waħda biss li kapaċi tkun ħoxna wisq għall-post li tkun fih. Għalhekk f’dal-każ xall li jsaħħan hu komdu għax tużah meta jkollok bżonn.
It-tarbija fl-isptar
Kulma jkollha bżonn:
- Flokk ta’ taħt komma twila
- Kalzetti
- Mittens
- Babygrow
- Skufja
- Ħu xall jew gverta biex tgħattih/a
It-tendenza hi l-mittens ma jżommuhomx f’idejhom. Kalzetti twal f’idejhom huma iktar effettivi.
Inkella babygrows li jkollhom biċċa żejda mal-komma li biha tkun tista’ tgħattilhom idejhom kompletament. Il-kmiem ta’ dawn il-babygrows jintwew u għalhekk meta jkollok bżonn tista’ tikxfilhom idejhom.

Tarbija ta’ ftit sigħat fl-Isptar Mater Dei. It-tarbija tlibbset babygrow bil-kmiem li jgħattu kompletament l-idejn. Minn taħt liebsa flokk ta’ taħt b’komma twila u par kalzetti.
L-ewwel xahar tat-tarbija
Għal ġewwa:
- Flokk ta’ taħt komma twila
- Kalzetti jew tights
- Babygrow jew romper
- Mittens
- Skufja
- Geżvirha fi gverta speċjalment meta tkun rieqda
Għal barra:
Tista’ tlibbisha tracksuit komda fuq il-flokk ta’ taħt komma twila kif ukoll skufja. Jekk mhux se tlibbisha onesie ħoxna fuq kollox, importanti li tlibbisha qalziet naqra oħxon u booties fuq il-kalzetti jew tights u qalziet inqas oħxon. U ġakketta jew ġersi oħxon fuq li għandha. Sintendi mbagħad agħttiha bil-kutra jew b’footmuff.
Għal billejl:
L-aħjar it-tarbija tlibbisha ħafif u traqqadha fi sleeping bag biex ma tinkixifx u ma tirriskjax li tgħatti wiċċha bil-kutra. Ideali li titlibbes flokk ta’ taħt komma twila u babygrow bil-biċċa drapp żejda biex ma jiksħulhiex idejha. Il-lożor idealment ikunu dejjem tal-qoton (cotton) ħabba l-allerġiji. Jekk se tgħattiha b’kutra, importanti li tqiegħed lit-tarbija fin-naħa t’isfel tas-sodda u l-kutra tqabbadha sew taħt is-saqqu.
Dan l-artiklu nkiteb mill-kontributriċi Franica Pulis li taħdem għal rasha bħala qarrejja tal-provi, traduttriċi u kittieba ta’ artikli. Ħajjitha ddur maż-żewġ subien żgħar tagħha u żewġha. Franica għamlet ħames snin tikteb għall-gazzetti Illum u MaltaToday u 20 sena taħdem b’xi mod jew ieħor fid-dinja tat-teatru.