Jekk qed tistenna tarbija jew għadek kif wellidt, iċċekkja li applikajt għal dawn il-benefiċċji:
-
il-benefiċċju tal-maternità
-
il-benefiċċju tal-leave tal-maternità/ adozzjoni
-
iċ-children’s allowance
-
il-benefiċċju waqt l-Impjieg
-
l-għotja tal-ħalib
-
mal-ARMS – mhuwiex eżattament benefiċċju imma tista’ traħħas il-kont tad-dawl u l-ilma tiegħek meta żżid in-numru ta’ persuni li jgħixu fir-residenza
Il-benefiċċju tal-Maternità/ Adozzjoni
Dan jingħata lill-ommijiet kollha inkluż ommijiet li qatt ma ħadmu, li se jieqfu jaħdmu biex irabbu jew li jaħdmu għal rashom (self-occupied/ freelance).
L-ommijiet li jidħlu lura għax-xogħol kif jispiċċaw il-maternità jibqgħu jingħataw paga normali mill-impjegatur tagħhom għall-14-il ġimgħa tal-maternità. Imbagħad intitotali ma jaħdmux għal erba’ ġimgħat oħra u jitħallsu mill-Gvern. (Ara l-benefiċċju dwar il-Leave tal-Maternità.)
Bil-Liġi obbligati li javżaw bit-tqala tagħhom lill-impjegatur mill-inqas erba’ ġimgħat qabel ma jieqfu mix-xogħol u jridu jagħmlu mill-inqas sitt xhur full-time mal-istess kumpanija jew is-sigħat ekwivalenti tagħhom jekk jidħlu lura x-xogħol b’sigħat inqas. Jekk le, ikollhom iroddu lura l-flus li tħallsu waqt li kienu weqfin mix-xogħol.
Fil-każ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jirċievu benefiċċju ta’ €169.76 fil-ġimgħa għal 14-il ġimgħa b’total ta’ €2,376.64 u s-somma tinqasam f’darbtejn. Dawn l-ommijiet iridu jdaħħlu kopja tal-irċevuti tal-bolol li jkunu jħallsu matul dik is-sena mal-applikazzjoni.
Filwaqt li dawk li ma jaħdmux jew se jieqfu jaħdmu jieħdu €90.27 fil-ġimgħa bis-somma totali ta’ €1,263.78.
L-applikazzjoni tista’ tiddaħħal fit-tmien xahar tat-tqala jekk tkun iffirmata minn tabib jew sa sitt xhur mit-twelid tat-tarbija.

Il-benefiċċju tal-Leave tal-Maternità/ Adozzjoni
L-applikazzjoni trid tiddaħħal ladarba l-leave tal-maternità jintuża kollu, jiġifieri wara t-18-il ġimgħa. Dan jingħata lill-ommijiet li jkunu se jidħlu lura x-xogħol wara l-leave tal-maternità kif ukoll dawk li jaħdmu għal rashom. Fiż-żewġ każi dan jingħata mill-Gvern bis-somma totali ta’ €672.04.
Hemm sitt xhur ċans mit-18-il ġimgħa tal-leave biex tapplika għal dan il-benefiċċju.
Iċ-Children’s Allowance
Għaċ-children’s allowance hemm żewġ formoli differenti, waħda għal dawk il-ġenituri li jaqbżu d-dħul konġunt ta’ €24,833 fis-sena. Dawn jieħdu ċifra fissa ta’ €450 fis-sena maqsuma fuq erba’ pagamenti: f’Marzu, Ġunju, Settembru u Diċembru b’€112.50. Il-ġenituri li jaqilgħu inqas iridu jimlew il-formola l-oħra u l-ammont jiġi kkalkulat skont il-paga tal-ġenituri. Il-massimu li jistgħu jieħdu hu ta’ €288.99 kull tliet xhur b’ċifra totali ta’ €1,155.96.
Jekk dan mhux l-ewwel wild li qed tapplika għalih, imla din il-formola
Tfal li jitwieldu b’diżabbiltà, li tiġi ċertifikata minn tabib, jingħataw €20 oħra fil-ġimgħa, irrispettivament minn kemm jaqilgħu l-ġenituri.
L-applikazzjonijiet kollha jridu jiddaħħlu fi żmien sitt xhur mit-twelid tat-tarbija biex jingħata l-benefiċċju sħiħ.

Benefiċċju waqt l-Impjieg (In-Work Benefit)
Dan il-benefiċċju jingħata lill-:
- Ġenituri waħedhom jew koppji miżżewġa, li għandhom ġenitur wieħed biss li jaħdem, u jaqilgħu bejn €6,600 u inqas minn €16,500 fis-sena. Il-ġenituri waħedhom jistgħu jieħdu sa €1,250 fis-sena għal kull wild waqt li koppji miżżewġa jistgħu jieħdu sa massimu ta’ €350.
- Fil-każ ta’ koppji miżżewġa li jaħdmu t-tnejn li huma, u li d-dħul annwali tagħhom hu aktar minn €10,000 u inqas minn €24,000. Dawn ikunu intitolati għal massimu ta’ €1,200 fis-sena għal kull wild.
Il-ħlasijiet jitqassmu erba’ darbiet matul is-sena: Jannar, April, Lulju u Ottubru u jibqgħu jingħataw sakemm it-tfal ikollhom inqas minn 23 sena.
L-Għotja tal-Ħalib
Għal dawk l-ommijiet li għandhom kundizzjoni medika u ma jistgħux ireddgħu jew il-ħalib tagħhom ma jservix, jistgħu japplikaw għall-Għotja tal-Ħalib. Normalment dan jingħata lil min diġà qiegħed fuq il-benefiċċji soċjali iżda kulħadd jista’ japplika għalih u kull każ jiġi assessjat individwalment.
L-applikanti huma responsabbli milli javżaw lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dwar kwalunkwe bidla fid-dħul tagħhom. Dan jinkludi telf ta’ xogħol; jekk jisseparaw/ jormlu/ jiżżewġu jew jibdew jgħixu ma’ partner ġdid; jiksbu jew jitilfu l-kustodja legali jew jagħmlu użu minn leave mhux imħallas. Dan it-tagħrif irid jasal fi żmien sitt xhur għand id-Dipartiment mindu jinbidlu l-affarijiet biex jittieħdu l-benefiċċju kollu mistħoqq. Formola għal hekk tista’ titniżżel minn hawn.
L-applikazzjonijiet kollha jistgħu jinġabru mill-uffiċini tas-sigurtà soċjali li jinsabu f’bosta lokalitajiet. Tista’ tiċċekkja r-rati kollha tal-benefiċċji kif qed jingħataw fl-2017, hawn. Tista’ tikkalkula l-benefiċċju tiegħek minn hawn.
Għal aktar tagħrif ċempel 153 jew ibgħat email fuq social.security@gov.mt.
Click here to read this article in English.
Franica Pulis għamlet 5 snin taħdem bħala ġurnalista mal-gazzetti Illum u MaltaToday. Illum ħajjitha ddur maż-żewġ subien tagħha u żewġha kif ukoll taħdem bħala qarrejja tal-provi, traduttriċi u kittieba ta’ artikli.